Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ issir onlajn

 

 

Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija organizza ċ-ċerimonja tal-ftuħ għas-sena akkademika l-ġdida fid-19 ta’ Ottubru bħala avveniment onlajn għall-istaff u l-istudenti. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, il-Kulleġġ żamm l-avveniment b’parteċipazzjoni limitata biex jiżgura s-sigurtà filwaqt li ħeġġeġ lill-istudenti biex jipparteċipaw fl-avveniment virtwali.

L-MCAST fetaħ il-bibien tiegħu għal aktar minn 1,280 student f’Awwissu biex itemmu is-sena akkademika preċedenti u mill-1 ta’ Ottubru fetħu l-ewwel 40 kors għas-sena akkademika l-ġdida. Din is-sena kien hemm żieda ta’ 20% fin-numru ta’ applikazzjonijiet biex studenti jingħaqdu f’madwar 230 kors full-time.

F’messaġġ lill-istudenti u lill-membri tal-istaff, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv il-Professur Joachim James Calleja qal: “Hekk kif ninsabu f’ċirkostanzi eċċezzjonali, naf li x-xhur li għaddew kienu diffiċli. L-għeluq f’daqqa tal-kampus f’Marzu u t-tranżizzjoni għal tagħlim onlajn u wiċċ imb’wiċċ għamilna napprezzaw ħafna r-reżiljenza u l-għaqda tal-komunità tal-MCAST. Hekk kif naddattaw għar-regolamenti ta’ sigurtà u tiġu lura fuq il-kampus, aħna se nibqgħu niżguraw kontinwità fil-kwalità tal-edukazzjoni tagħkom. Issa aktar minn qatt qabel, għandkom tippersistu biex tirnexxu fit-tagħlim, fil-karriera u fil-ħajja. Lill-istudenti kollha, inħeġġiġkom biex tipparteċipa b’mod attiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Tridu tkunu vuċi qawwija biex tagħmlu differenza fis-servizzi li noffru.”

Il-President tal-Kunsill Studenti tal-MCAST Jesmar Frendo qal li dan huwa żmien meta l-istudenti għandhom bżonn jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw lil xulxin. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex jistaqsu għall-għajnuna u li l-Kulleġġ joffri diversi servizzi li huma miftuħa għal kulħadd. F’messaġġ għall-studenti internazzjonali, l-istudenta tal-arti kreattiva, Astrid Dorekens qalet: “L-MCAST mhux biss għażla fejn ssegwi t-triq tal-karriera tiegħek, il-komunità tagħna tilqa’ l-lingwa, il-kultura u d-diversità li ġġibu magħkom.”

Għaċ-ċerimonja tal-ftuħ attendew il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ il-Professur Ian Refalo u s-Segretarju Permanenti Dr Francis Fabri. Iċ-ċerimonja għalqet b’talba minn rappreżentanti minn reliġjonijiet differenti.