L-MCAST jippubblika linji gwida dwar is-sigurtà għall-istudenti u l-istaff
Bi tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kulleġġ, l-MCAST illum ippubblika l-protokoll għas-sigurtà tal-istudenti u l-istaff. Dan huwa parti mill-pjan tal-Kulleġġ biex jilqa’ l-istudenti ġodda u dawk li se jkomplu bl-istudji tagħhom f’Ottubru.
Il-protokoll jagħti pariri ġenerali u appoġġ lill-istudenti u l-impjegati kollha, kif ukoll informazzjoni dwar distanza soċjali xierqa, protokolli tat-tindif u miżuri oħra bħall-ilbies tal-maskri u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tat-tagħlim. Il-pjan jinkludi wkoll gwida dwar kif jiġu aċċessati faċilitajiet u servizzi bħal-librerija u l-kantin.
L-MCAST se jkun qed jipprovdi l-korsijiet ta’ edukazzjoni vokazzjonali permezz ta’ pjan dettaljat li jinkludi kemm tagħlim fil-Kulleġġ bid-distanza soċjali meħtieġa u kemm tagħlim onlajn. It-tagħlim fil-klassijiet, fil-workshops u fil-laboratorji se jsiru b’konformità mal-gwida tas-sigurtà kif approvata mill-awtoritajiet tas-saħħa.
“Is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-komunità tal-Kulleġġ hija l-prijorità tagħna. Qed naħdmu b’konsultazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet tas-saħħa u mal-MUT. Dan jinkludi diskussjonijiet dwar diversi aspetti importanti ta’ saħħa u sigurtà ta’ dan il-protokoll. L-isfida issa tinsab fl-implimentazzjoni, u din se ssir b’ħidma mill-qrib mal-Union,” qal il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja.
Dan jista’ jiġi aċċessat hawn MCAST COVID-19 Protokoll