28 ta’ Settembru 2020
L-MCAST lest biex jilqa’ l-istudenti – meħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti x-Xjenza u t-Teknoloġika (MCAST) se jkun wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet edukattivi li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istudenti din il-ġimgħa. Wara xhur ta’ ppjanar, il-Kulleġġ se jibda jilqa’ l-istudenti gradwalment biex tinżamm is-sigurtà fuq il-kampus. Mill-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu, diversi studenti u letturi ltaqgħu biex itemmu s-sessjonijiet prattiċi mis-sena akkademika preċedenti.
Fit-30 ta’ Settembru 150 student se jkunu fuq il-kampus biex jagħmlu it-testijiet tal-bidu tas-sena biex jiksbu aċċess għall-korsijiet. Numru kbir ta’ studenti se jkunu qed jibdew il-lekċers fl-1 ta’ Ottubru, kemm fil-klassi kif ukoll onlajn. Sad-19 ta’ Ottubru l-istudenti kollha fis-6 istituti tal-MCAST se jkunu bdew bil-korsijiet tagħhom.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-MCAST kien l-ewwel istituzzjoni edukattiva post-sekondarja li ppubblika l-protokoll għas-sigurtà tal-Kulleġġ. Il-protokoll robust huwa r-riżultat ta’ risk assessments li saru fil-faċilitajiet kollha u konsultazzjoni mas-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika, l-Union u l-istudenti. Is-siti tal-kampus u ‘l fuq minn 450 spazju tat-tagħlim inklużi workshops u laboratorji, ġew organizzati mill-ġdid b’firxa ta’ miżuri ta’ sigurtà biex tinżamm id-distanza fiżika.
Il-hand sanitisers huma disponibbli fil-postijiet kollha u s-sinjali madwar is-siti jfakkru lill-istudenti u l-istaff dwar l-użu obbligatorju tal-maskra, id-distanza soċjali u l-importanza li wieħed jaħsel idejh spiss. Kull istitut issa għandu wkoll uffiċjal tal-mitigazzjoni responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-COVID-19.
Waqt li kien qed jindirizza lill-letturi fil-bidu tas-sena akkademika, il-Professur Joachim James Calleja qal: “Ittieħdu l-miżuri kollha mill-Kulleġġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-istaff u l-istudenti. Madankollu, l-isforzi u l-investimenti kollha ma jservu għal xejn jekk barra l-Kulleġġ ma nirrispettawx ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Il-piż ta’ din l-isfida għandu jinqasam bejn kulħadd. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, aħna niddependu fuq il-prattika. Għandna bżonn inkomplu naqdu u nappoġġjaw filwaqt li ntaffu r-riskji għall-komunità tal-Kulleġġ. Hekk kif iċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu, jista’ jkun li jkollna nagħmlu bidliet fi żmien qasir u naħdmu b’aġilità. Irridu nwasslu wkoll messaġġi ċari u konsistenti. Il-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni huma kruċjali: naħdmu flimkien biex nieħdu ħsieb saħħitna – dan huwa l-prinċipju gwida tagħna.”