EXPO Virtwali dwar r-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-MCAST
Illum 14 ta’ Diċembru, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) organizza l-ewwel Expo tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan l-avveniment ta’ jumejn huwa parti mill-isforz tal-Kulleġġ biex iżid ir riċerka rilevanti għall-industrija hekk kif qed jipprepara ukoll biex iniedi l-ewwel programm ta’ dottorat professjonali. F’din l-attività qed jiġu ppreżentati l-proġetti ta’ 40 student u 96 riċerkatur mis-sitt istituti tal-Kulleġġ. Iktar minn 200 parteċipant ingħaqdu mal-avveniment li qed isir onlajn f’kampus virtwali.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li kien preżenti biex jiftaħ l-avveniment, qal: “Dan l-Expo juri x-xogħol sinifikanti ta’ riċerka u innovazzjoni li qed isir minn riċerkaturi tal-MCAST. Il- varjetà tar-riċerka u l-innovazzjoni jirriflettu d-diversità u l-oqsma speċjalizzati tal-Kulleġġ. L-MCAST jinsab fuq quddiem fl-innovazzjoni, u kien wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet li nieda l-Istrateġija dwar l- Intelliġenza Artifiċjali.”
Dr Alex Rizzo, Deputat Prinċipal responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal: “Il-proġetti ta’ riċerka tal-MCAST ikopru varjetà ta’ oqsma, mix-xjenza applikata għall-inġinerija, min-negozju u l-kummerċ għall-edukazzjoni, mill-ICT għall-arti kreattiva. Aħna ddeċidejna li nużaw ambjent ta’ kampus virtwali, biex nippreżentaw dan ix-xogħol b’mod interattiv u biex nieħdu l-limitazzjonijiet attwali imposti mill pandemija bħala opportunità għall-innovazzjoni.”
Il-parteċipanti qed jingħaqdu fl-attività permezz ta’ avatars u jinteraġixxu fi ħdan il-kampus onlajn. Il-kampus virtwali jinkludi wkoll spazju fejn l-istudenti li għadhom kemm temmew l-istudji tagħhom qed jesebixxu l-proġetti tagħhom.
L-erba’ temi tal-Expo, li kollha jindirizzaw l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, huma teknoloġija emerġenti u innovazzjoni kreattiva; benesseri soċjali, sport u saħħa; pedagoġija ta’ kwalità u tagħlim effettiv; sostenibbiltà ambjentali u kulturali.