L-MCAST jipposponi ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni
Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) iddeċieda li jipposponi ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu ppjanati għall-aħħar ta’ Novembru. Dan qed isir għas-sigurtà tal-komunità tal-Kulleġġ u minħabba r-restrizzjonijiet attwali tal-COVID-19 fuq id-distanzi soċjali.
Madwar 680 student kienu se jattendu erbatax-il ċerimonja ta’ gradwazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Id-data l-ġdida taċ-ċerimonji se tiġi kkomunikata lill-istudenti fl-2021. Dan se jkun jiddependi wkoll fuq il-linji gwida tal-gvern u tal-awtoritajiet tas-saħħa dwar id-distanzi soċjali. Sadanittant, l-istudenti ngħataw it-transcipts sabiex ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom u bl-opportunitajiet tax-xogħol.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal: “Ħadna d-deċiżjoni diffiċli li nipposponu ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u mal-Kunsill tal-istudenti tal-MCAST. Iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni hija l-qofol tas-sena akkademika tal-Kulleġġ u aktar importanti minn hekk, il-qofol tal-vjaġġ ta’ tagħlim u x-xogħol iebes tal-istudenti. Madankollu, fis-sitwazzjoni attwali, huwa kruċjali li nnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji għall-komunità tagħna. Se nipposponu ċ-ċerimonji għal data meta l-istudenti jkunu jistgħu jiċċelebraw bis-sħiħ il-kisbiet tagħhom mal-familja, il-ħbieb u l-letturi.”