Il-Prinċipal tal-MCAST elett mill-ġdid President tal-EfVET
Il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja ġie elett mill-ġdid President tal-Forum
Ewropew tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EfVET) wara li diġà serva għal sentejn. L-EfVET
hija waħda mill-assoċjazzjonijiet professjonali ewlenin madwar l-Ewropa li ġiet stabbilita fl-1991
minn entitajiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.
L-organizzazzjoni sservi netwerk ta’ 1,500 fornitur tat-taħriġ vokazzjonali f’24 pajjiż li flimkien
jilħqu madwar 750,000 għalliema u aktar minn 25 miljun student. L-attivitajiet ewlenin tagħha
huma l-promozzjoni, il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ riċerka u l-skambju tal-aħjar esperjenzi
f’dan il-qasam madwar l-Ewropa. L-EfVET tirrappreżenta l-fehmiet tal-membri tagħha dwar
kwistjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali lill-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni Ewropea u
twieġeb għall-proċessi ta’ konsultazzjoni.
Meta kkummenta dwar din l-ħatra, il-Professur Calleja rringrazzja lill-membri kollha u qal:
“Ninsab tassew onorat b’dan il-vot ta’ fiduċja f’dan iż-żmien kruċjali għas-settur, u se nkompli
nippersisti fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fit-tmexxija ta’ dan in-netwerk
Ewropew, se nkompli nfittex opportunitajiet usa’ għall-MCAST u s-settur tal-edukazzjoni u ttaħriġ vokazzjonali f’Malta.”
Il-Professur Calleja ilu involut fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sa mill-2001. Huwa serva bħala
Direttur tas-Cedefop mill-2013 sal-2018. Qabel din il-ħatra, huwa serva bħala Segretarju
Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Fl-2005 kien fdat bit-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki fejn serva bħala l-Kap Eżekuttiv għal
ħames snin. Taħt it-tmexxija tiegħu Malta nediet il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u l-leġiżlazzjoni
relatata li twassal għall-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali, l-kwalità u l-akkreditazzjoni.
Il-karriera tiegħu bdiet fl-1986 fil-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali fl-Università ta’ Malta
u wara kien ħadem ukoll fi ħdan l-International Institute on Ageing, tan-Nazzjonijiet Uniti f’Malta.