7 ta’ Ottubru 2020
Fl-MCAST l-Istitut għall-Arti Kreattiva jilqa’ l-istudenti fil-Kampus tal-Mosta
L-istudenti jadattaw għar-regolamenti tas-sigurtà fil-Kampus
Dan ix-xahar aktar minn 860 student se jibdew korsijiet fl-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) fi ħdan l-MCAST fil-Mosta. L-istitut irreġistra żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal 24 kors li qed joffri. Il-korsijiet fl-ICA ivarjaw mill-arti u d-disinn għad-disinn grafiku, il-produzzjoni tal-midja kreattiva, il-fotografija u l-ġurnaliżmu, id-disinn tal-moda u l-arti tal-ispettaklu kif ukoll il-ħiliet tal-wirt kulturali.
Dan is-sajf kien hemm ħidma sabiex l-ispazji tat-tagħlim tal-MCAST ġew organizzati mill-ġdid b’firxa ta’ miżuri ta’ sigurtà konformi mal-protokoll ta’ sigurtà tal-Kulleġġ. L-ICA fetaħ il-bibien għal madwar 300 student mill-31 ta ’Awwissu biex joffri sessjonijiet prattiċi li ġew posposti fis-sena skolastika l-għaddiet meta ngħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi. L-istudenti kollha se jibdew il-korsijiet tagħhom sad-19 ta’ Ottubru u s-sessjonijiet jinkludu lezzjonijiet fuq il-kampus kif ukoll dawk onlajn.
Waqt żjara fil-kampus tal-Mosta, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal,
“L-istituzzjonijiet vokazzjonali ġew milquta b’mod uniku matul din il-pandemija għax jiddependu fuq taħriġ prattiku u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Importanti li nassiguraw li t-tagħlim ikompli. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-MCAST wera reżiljenza u żamm il-momentum biex jitkompla t-tagħlim u biex joffri appoġġ lill-istaff u l-istudenti. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla għandhom jantiċipaw u jadattaw biex iħejju lill-istudenti tagħna biex jingħaqdu fid-dinja tax-xogħol f’ambjent li qed jinbidel.”
l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal: “L-istituti kollha tagħna jaħdmu mal-industrija biex joffru esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Għandna bżonn inkomplu bit-tagħlim prattiku filwaqt li ntaffu r-riskji għall-komunità tal-Kulleġġ tagħna. Matul il-ġimgħa li għaddiet, minn meta ftaħna l-Kulleġġ, qed naraw kif b’mod responsabbli l-istaff u l-istudenti qed jadattaw għar-regolamenti ġodda tas-sigurtà, u jaħdmu flimkien biex it-tagħlim isir filwaqt li nieħdu ħsieb lil xulxin.”
L-Istitut għall-Arti Kreattiva, li ġie stabbilit fl-2001, qabel kien magħruf bħala l-Istitut tal-Arti u d-Disinn u għaqqad flimkien il-kompetenzi taċ-Ċentru tal- Arti u d-Disinn u tal-Iskola Salvatore Dimech għal Persuni tas-Sengħa. Bħala wieħed mis-sitt istituti tal-MCAST, fl-2014, l-isem inbidel għal Istitut għall-Arti Kreattiva biex jirrifletti l-iżvilupp tul is-snin u l-firxa wiegħsa ta’ korsijiet li joffri.