
Stephen Vella
Prinċipal u Kap Eżekuttiv
Launch – Women in Action Network
Illum qed niltaqgħu biex inwasslu messaġġ ċar: fl-MCAST irridu ambjent fejn kull persuna għandha ċ-ċans tikber, tikkontribwixxi u tmexxi. It-tnedija tan-Network Women in Action hija pass ieħor f’din id- direzzjoni.
Dan in-network twieled minn bżonn reali. Fl-MCAST għandna kważi elf mara — aktar minn 47% tal-istaff — li kuljum jagħtu kontribut importanti fl-amministrazzjoni, fl-akkademja, fit-tmexxija u fis-servizzi. Imma mhux dejjem ikun hemm spazju fejn jiltaqgħu, jaqsmu l-esperjenzi u jappoġġjaw lil xulxin. Dan in-network għandu jkun proprju dak l-ispazju.

Il-Women in Action Network se tkun pjattaforma għal kollaborazzjoni, mentoring, żvilupp professjonali u appoġġ. Mhux biss biex nitkellmu dwar l-isfidi fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll biex nibnu opportunitajiet ġodda u nħeġġu aktar nisa jieħdu rwoli ta’ tmexxija.
Din l-inizjattiva hija marbuta wkoll mal-Pjan Strateġiku ta’ MCAST 2022–2027, li jagħti importanza lill-inklużjoni, lit-tmexxija u lill-impenn mal-komunità.
Importanti ngħidu wkoll li dan huwa sforz kollettiv. In-network għandu l-appoġġ kemm tal-MCAST Equality Consultative Committee kif ukoll tal-MCAST Staff Social Committee. Din il-kollaborazzjoni turi li l-benesseri tal-istaff huwa responsabbiltà ta’ kulħadd.
L-għanijiet huma ċari: inħeġġu aktar nisa fl-MCAST jieħdu rwoli ta’ tmexxija u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp tal-Kulleġġ. U meta ngħidu tmexxija ma jfissirx biss il-pożizzjoni imma aktar ‘l mod kif tħares ‘l quddiem, taġixxi, tkun pro-attiva, u toffri l-għajnuna u l-ideat. U għalhekk Women in Action għax huma l-azzjonijiet, l-inizjattiva li nieħdu kuljum li jagħmlu differenza. Fuq kollox, irridu ambjent fejn il-kunfidenza u t-tkabbir professjonali jkunu parti naturali mill-esperjenza tal-istaff.
Il-ħidma tan-network ma tieqafx illum. Il-pjan hu li matul is-sena jiġu organizzati mill-inqas żewġ attivitajiet ewlenin, u li n-network jibqa’ miftuħ għall-ideat tal-istaff — dwar taħriġ, kollaborazzjoni u inizjattivi ġodda.

Għalhekk l-istedina hija sempliċi: ipparteċipaw. Kulħadd għandu vuċi. Għandna wkoll aktar minn 4,000 studenta fl-MCAST. Huma mhux biss qed jistudjaw, imma qed ifittxu wkoll role models. Importanti li jaraw fikom eżempju u jħossuhom kunfidenti li dak li jgħidu u jagħmlu jgħodd.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Women in Action Network mhuwiex biss dwar in-nisa. Huwa dwar kif nibnu istituzzjoni aktar inklussiva, aktar b’saħħitha u lesta għall-futur. Meta nagħtu spazju għat-talent, għat-tmexxija u għall-kollaborazzjoni, inkunu qed intejbu mhux biss il-post tax-xogħol tagħna, iżda wkoll l-edukazzjoni li noffru lill-istudenti tagħna.


MCAST Main Campus
+356 2398 7100
information@mcast.edu.mt